Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, tospita laqgħa ta' livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti flimkien ma' mart il-Prim Ministru tal-Ukrajna Olena Zelenska u nisa ta' Prim Ministri oħra.
Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Nazzjonijiet Uniti fi New York, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, mexxiet laqgħa ta' livell għoli flimkien ma' mart il-Prim Ministru tal-Ukrajna Olena Zelenska, u rappreżentanti minn pajjiżi oħra, fil-marġini tal-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-avveniment, bit-tema “Id-Dinja 2026: Insibu Stabbilità fi Żminijiet ta' Inċertezza", laqqa' flimkien nisa u rġiel ta' Prim Ministri minn reġjuni u kulturi differenti biex jaqsmu l-esperjenzi ta' pajjiżhom dwar ir-reżiljenza u l-importanza tagħha f'dinja kkaratterizzata minn sfidi u inċertezza globali.
Fid-diskors tagħha, Dr Abela esprimiet solidarjetà mal-poplu Ukren u faħħret ir-reżiljenza ta' dan il-poplu. Hija sostniet li, minkejja l-isfidi globali, tibqa' ottimista dwar il-futur, ispirata mill-kapaċità tan-nies li jadattaw, li jgħinu lil xulxin, u fuq kollox li jsibu s-saħħa quddiem diffikultajiet li jiffaċċjaw.
Dr Abela spjegat li għal Malta, ir-reżiljenza hija msejsa fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità tal-persuna, l-ugwaljanza u l-inklużjoni. Enfasizzat li l-ebda pajjiż ma jista' jiffaċċja l-isfidi tal-lum waħdu u għalhekk il-kooperazzjoni internazzjonali u l-ħidma permezz tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth jibqgħu essenzjali.
Hija saħqet fuq l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-persuni vulnerabbli.
Dr Abela sostniet li r-reżiljenza ma tfissirx sempliċement li negħlbu kriżi, iżda li nkunu ppreparati għaliha, nappoġġjaw lin-nies matulha u niżguraw li ħadd ma jitħalla lura.
Mart il-Prim Ministru appellat għal aktar għaqda u ħidma kollettiva biex ikollna dejjem aktar soċjetajiet fejn, minkejja l-inċertezzi, kull persuna tkun tista' tħares lejn il-futur b'kunfidenza, dinjità u tama.